05/10/2022
Illum, 5 ta' Ottubru hu il-Jum Dinji ta' L-Għalliema. Joseph L. Zerafa, poeta Zurrieqi, bħala karriera professjonali u impjieg ewlieni kien teacher tal-primarja f'diversi skejjel tal-madwar fosthom L-Imqabba, Ħal-Luqa u l-aħħar li kien jgħallem, qabel ma rtira bil-pensjoni, kien l-iskola tal Qrendi, fejn ta' kuljum kien imur bir-rota, xemx u xita. Ir-ritratt f'dal post hu propju waħda mil klassijiet li kellu lejn il-bidu jew nofs is-sebgħinijiet.
F'din il-poeżija "Tifkiriet ta’ 30 Sena Ilu fl-Iskola taż-Żurrieq" pero' jitkellem fuq l-iskola ta' tfulitu ġewwa iż-Żurrieq, fis-snin ta' tmiem tan-1920s u bidu tan-1930s metal kellu bejn 10 u 15 il-sena.
Interessanti din l-istrofa
Qed nisma’ lis-Sur Sacco u lis-Sur Dalli
Jinsistu u jisħqu fuqi ta’ kuljum,
“Aħjar il-pinna milli l-maqdief f’idek”
Biex forsi nilħaq dak li jiena llum.
Hawn il-poeta żgur kien qed jaċċena għal inċident ta' meta kien għadu tifel qabel żmien l-iskola. Ġara li missieru, Toni sajjied Wied iż-Żurrieq, kważi tilef ħajtu meta, ma sħabu, iqalbitilhom id-dagħjsa tas-sajd f'maltempata, bejn wied iż-Żurrieq u Filfla. Missieri, jgħid li kien wara dan l-inċident li Toni (missieru) u martu Ċensa (mwielda Cilia) ghamlu kul mezz biex uliedhom imorru l-iskola.
Tifkiriet ta’ 30 Sena Ilu fl-Iskola taż-Żurrieq
(Lil ommi u lil missieri, Alla jaħfrilhom it-tnejn,
li tant ħadmu għalija biex tgħallimt l-iskola)
Sabiħa dik l-iskola kollha twieqi,
Bi fjuri sbieħ u siġar ħadranin,
Maħbuba l-omm li kennet lil tfuliti,
Fejn ġrejt u dħakt ma’ sħabi ferħanin.
Erħini f’dawk il-jiem ta’ ħerqa u ħeġġa,
Lil hinn, lil hawn, għal darba tnejn kuljum,
Interraq mil-ġebjun sa taħt ir-raħal,
Ferħan, bla xkiel, xi drabi bil-geddum.
Kont ġamra nar, u ċkejken daqs buttuna,
F’saqajja sandli iebes daqs l-injam,
U kotba u boċċi ġo basket taċ-ċarruta
Ma kisra ħobż imferrxa bit-tadam.
Bħal xitla ħadra w tarja ġo qasrija,
Imsoqqi b’ilma ta’ tagħlim sabiħ,
Stħajjiltni jien quddiem l-għalliema tiegħi,
Li lejhom jien għandi l-akbar ġieħ.
Niftakar lis-Sur Borg, surmast Ħalluqi,
Taz-zokkor qalbu ‘mma ara tgħidlu “le”,
Wieqaf u dritt, mustaċċi kbar u sofor,
Quddiemu kobba tfal, qisu Mose’.
Qed nisma’ lis-Sur Sacco u lis-Sur Dalli
Jinsistu u jisħqu fuqi ta’ kuljum,
“Aħjar il-pinna milli l-maqdief f’idek”
Biex forsi nilħaq dak li jiena llum.
Qed nara s-Sur Abdilla ta’ Ħal-Safi,
Jitmasħan biex jgħallimna bla serħan,
U jiena fl-ewwel bank, donni gremxulu,
Quddiemi qisu Filfla, kbir, felħan.
Fejn int Mister Zammit li kont wissejtna
Naħarbu d-dnub il inti kont tistmerr?!
Biex wara mitt fil-Knisja ħesrem, ħesrem,
B’ħidma tal-għadu waqt li kont itqerr.
Niftakar lill-pittur Caruana jpinġi
Franġisk bil-pipa f’ħalqu, l-purtinar,
U minnu idi kienet tgħallmet tħażżes
Il-weraq kbir u l-ġilji tal-buqar.
Niftakar kemm il-darba s-Surmast Dalli,
Irqieq u twil, misjur bix-xogħol u s-snin,
Faħħarni quddiem tfal anzjani tiegħi,
U ħammar wiċċi f’dak l-imbierek ħin.
Sa bliebel li kien jaqbad ġie li tani
“Il-Master”, xieħ u twajjeb, Sur Sammut,
Ċajtier, maħbub, jiċċajta fuq kunjomu
U jgħid lit-tfal li huwa qatt ma jmut.
Xi lapis tal kulur min għand Miss Dalli,
Miss Vella, Miss Cachia u Miss Mangion,
Bambin tal-Milied, ruxxmata santi,
Tat-twajjeb Dun Guzepp Zammit Falzon.
Għejjun li minnhom aħna xrobna l-benna
Ta’ kliemhom sħiħ u qawwi daqs il blat,
Go dik in-nitfa ġenna taħt ir-raħal,
Fejn jien qattajt ta’ ħajti l-isbaħ sgħat.
Għosforli dak iż-żmien ta’ hena u safa,
U miegħu għosfru b***a għalliema w ħbieb,
M’għadiex tmellisni id-dinja bħal ta’ dari,
Is-snin qed jiġru bija qieshom bwieb.
Joseph L. Zerafa
Luqa 17.8.1962
Nota ta’ l-awtur: Semmejt biss it-teachers u l-Head teachers li kienu jgħallmuni.