10/12/2025
“...għalhekk dawn id-demgħat tas-silġ
miġmugħin fuq ċnut għajnejja.” – Mario Azzopardi
Kirsten Spiteri għoġbu jgħaddili dan il-ktieb bħala rigal biex nesperjenzah u nikteb reċensjoni dwaru. Meta qrajtu, mill-ewwel ġiet f’moħħi l-poeżija ta’ Mario Azzopardi ‘Demgħat tas-Silġ’.
F’dan ir-rumanz Spiteri jagħmel tentattiv biex jikteb bl-istil ta’ bloggati li aktar t**d jaqleb għan-narrattiva-deskrittiva. Inħoss illi l-fatt li qrajt il-ħsus ġewwiena tal-protagonista Megan, permezz tal-bloggati li kienet tikteb, sirt naf iżjed b’mod profond il-problemi li kienet qiegħda ġġarrab.
Megan tikxef il-vulnerabbilitajiet tagħha u x-xenqa tagħha għall-kuntatt uman ġenwin. Il-fatt li l-kittieb jikteb fl-ewwel persuna u Megan turi l-fraġilitajiet u l-mumenti turbulenti li tgħaddi minnhom, għenitni nasal nifhem xejriet oħra tal-bniedem u ċerti deċiżjonijiet li tieħu hi matul ir-rakkont.
Id-dawl u d-dlam, dikotomija, li tispikka f’diversi partijiet tal-ktieb. It-tajjeb tal-bniedem imma wkoll il-kantunieri oskuri li jaf isakkar lilu nnifsu fihom. Ix-xenqa u d-disperazzjoni għall-imħabba, għall-wens imma wisq aktar għall-empatija.
Huwa ktieb li fetaħli għajnejja, kemm il-bniedem kultant huwa fraġli, li l-mard mentali u r-relazzjonijiet tossiċi jafu jfarrku iżjed lill-bniedem. Il-metafora "kristalli tas-silġ" issaħħaħ dan kollu. Il-bniedem fraġli daqskemm hu fraġli l-kristall. Il-fatt li tissemma' l-kesħa tikxef ċerta bruda ta' meta l-persuna ssib ruħha waħedha, mhux mifhuma, bla mħabba.
Ta’ min wieħed jidħol għal dan il-ktieb b’attenzjoni. B’moħħ miftuħ għal din l-esperjenza biex insiru konxji ta’ kemm kelma, azzjoni, tgħanniqa, ċanfira, jistgħu jaffettwaw lin-nies ta’ madwarna.
Tajjeb għaż-żgħażagħ fil-post-sekondarja 'l fuq.
Aqraw b'attenzjoni għat-temi sensittivi