15/10/2026
L-AI f’ħajjitna: il-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru
Ilbieraħ, waqt Popolin fuq TVM, iddiskutejna kif l-Intelliġenza Artifiċjali qed tbiddel il-kreattività, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-ħajja tagħna. Il-ħin ma ppermettiex li nidħlu f’kollox. Għalhekk, fil-ġimgħat li ġejjin se nkompli naqsam dawn il-ħsibijiet fuq il-midja soċjali u fil-ġurnali.
🎶 L-artisti u l-kreattività
Tkellimna dwar il-mużika ġġenerata bl-AI u xi jfisser dan għall-artisti u l-kompożituri tagħna. Wara xogħolhom hemm snin ta’ studju, sagrifiċċju u passjoni. Fuq il-palk, artist jagħti preżenza, emozzjoni u rabta mal-udjenza — esperjenza li tmur ferm lil hinn mis-smigħ ta’ diska.
Nemmen li rridu napprezzaw u nħarsu dan il-valur uman, filwaqt li nkunu trasparenti dwar mużika, vuċijiet u filmati ġġenerati jew manipulati bl-AI.
🇪🇺 Regoli ċari u innovazzjoni responsabbli
Kif semmejt fil-programm, hawn jidħlu wkoll l-EU AI Act u l-iżviluppi marbuta mal-AI Omnibus, li jissimplifika aspetti tal-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew. F’Malta, l-MDIA qed tmexxi l-implimentazzjoni tal-EU AI Act u taħdem mal-partijiet interessati fuq dawn ir-regoli.
Nemmen li din il-ħidma, flimkien mal-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tad-data u oqsma oħra, għandha ssaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kreaturi tagħna.
📚 Edukazzjoni li tiżviluppa l-ħsieb
L-AI tista’ tgħin lill-edukaturi jippreparaw il-materjal u jadattaw l-ispjegazzjonijiet għall-bżonnijiet differenti tal-istudenti. Tista’ wkoll tgħin lil ġenitur li qed jipprova jispjega l-homework lil uliedu.
Iżda kif niżguraw li l-istudent qed jitgħallem?
Għalhekk tkellimt dwar it-tiġdid tal-kurrikulu u tal-assessjar. Aktar diskussjonijiet, mistoqsijiet orali u xogħol prattiku jistgħu juruna jekk l-istudent fehemx, kapaċix jaħseb b’mod kritiku u japplikax dak li tgħallem. Il-copy-paste waħdu ma jurix fehim.
💼 Min se jibbenefika mill-ħin li niffrankaw?
Lil hinn minn dak li lħaqna niddiskutu, hemm mistoqsija li nixtieq inpoġġi: jekk l-AI tiffrankalna sagħtejn xogħol kuljum, x’nagħmlu bihom?
L-AI tista’ tgħin fil-ġestjoni tal-emails, l-appuntamenti, il-kwotazzjonijiet u l-fatturi, u torganizza proċessi sħaħ li mbagħad niċċekkjaw u napprovaw aħna.
Nemmen li l-benefiċċji tal-produttività għandhom jaslu wkoll għand il-ħaddiema. Fejn ikun fattibbli, u bi qbil bejn min iħaddem u l-ħaddiema, għandna niddiskutu kif dawn jistgħu jwasslu għal inqas ħin tax-xogħol bl-istess paga, inqas stress u aktar ħin għall-familja. Il-well-being irid jidher ukoll fil-mod kif norganizzaw ix-xogħol.
🏥 Saħħa u kura aktar qrib tagħna
Immaġinaw li fi żmien ħames snin, bil-kunsens tagħkom, sistema medika affidabbli tinnota bidla importanti fil-kejl tas-saħħa tagħkom u tavża lit-tim mediku biex jiċċekkja qabel ma problema tikber.
Din hija possibbiltà għall-futur li rridu nesploraw b’serjetà, filwaqt li nistaqsu: min għandu aċċess għad-data tagħna, kif qed jipproteġiha u min jibqa’ responsabbli għad-deċiżjoni medika?
👵 Aktar indipendenza għall-anzjani
Teknoloġija użata bil-kunsens u b’rispett lejn id-dinjità tal-persuna tista’ twissi lil qarib dwar suspett ta’ waqgħa jew bidla mhux tas-soltu fir-rutina. Għodod ta’ lokalizzazzjoni jistgħu wkoll jgħinu meta persuna bid-dimensja tintilef.
L-għan għandu jkun li nsaħħu l-kura, l-indipendenza u l-kuntatt uman.
Ray Abela
Robert Abela
fans