Il-Malti fl-UM

Il-Malti fl-UM

Share

Il-paġna tad-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta' Malta b'aħbarijiet dwar attivitajiet pubbliċi. Din hija paġna ta' informazzjoni biss.

Mhux l-iskop li nwieġbu mistoqsijiet li m'għandhomx x'jaqsmu direttament ma' dawn l-attivitajiet. Din il-paġna tippreżenta wkoll l-inizjattivi tal-Għaqda tal-Malti - Università, li tiġbor flimkien l-istudenti tal-Malti u studenti oħrajn interessanti fil-lingwa, il-letteratura u l-kulturi ta' Malta. Iktbu lil [email protected]

Photos from Il-Malti fl-UM's post 26/05/2026

Ħareġ id-DIZZJUNARJU SPEĊJALIZZAT TAL-ĠEOGRAFIJA

Id-Dipartiment tal-Malti fl-Università għadu kemm ħareġ it-tieni dizzjunarju speċjalizzat bis-sehem tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Jittratta l-qasam tal-ġeografija u jsegwi d-dizzjunarju tal-ekonomija, li kien l-ewwel wieħed f’din is-sensiela.

L-awtur ta’ dan id-dizzjunarju hu Edward Gilson, li kien l-Uffiċjal Edukattiv tal-Ġeografija, u l-edituri huma Michael Spagnol, Thomas Pace u Dwayne Ellul. Fih madwar 600 terminu li jinkludu kliem minn oqsma differenti bħall-ġeoloġija, il-meteoroloġija, il-flora u l-fawna, l-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, u suġġetti oħra moderni li tmiss magħhom il-ġeografija, bħad-demografija u l-ekoturiżmu.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-termini huma mislutin mill-glossarji li hemm fi tmiem it-tliet kotba skolastiċi Id-Dinja Darna - Niskopru l-Ambjent Ġeografiku ta’ Madwarna tal-istess awtur, li jintużaw fl-iskejjel sekondarji. Dawn kienu tfasslu fl-2010 mill-awtur, il-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Ġeografija u l-Kumitat tat-Terminoloġija tal-Kunsill tal-Malti.

Id-definizzjoni tat-termini issa ġiet aġġornata, u żdiedu ħafna termini oħrajn kemm mill-kuntest lokali, bħal andar, mixta u skal, u kemm mill-kuntest globali, bħal diossidu tal-kubrit, distrett tan-negozju ċentrali u golf. Fl-aħħar tliet snin, matul il-fażi tal-editjar, taw sehem kbir l-assistenta tar-riċerka Amy Borg u għadd ta’ esperti mill-qasam tal-ġeografija u l-lingwistika.

Dan id-dizzjunarju, minbarra li jiġbor f’post wieħed it-termini ta’ tliet glossarji separati, ikompli jistandardizza l-vokabolarju ta’ qasam tekniku ieħor għall-għalliema u l-istudenti, ir-riċerkaturi, it-tradutturi, il-ġurnalisti, u kull min jinteressah iħaddem il-Malti f’dan il-qasam. It-termini bid-definizzjonijiet bil-Malti u l-ekwivalenti bl-Ingliż qegħdin ukoll fis-sit malti.mt/termini.

Il-pubblikazzjoni tinkludi (a) għadd ta’ illustrazzjonijiet ta’ Naomi Gatt, li jfissru aħjar proċessi bħaċ-ċiklu tal-ilma, il-katina tal-ikel, u l-partijiet tal-vulkan; (b) lista bl-ismijiet tal-pajjiżi, il-bliet kapitali u r-residenti; (ċ) lista bl-ismijiet tal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex; u (d) lista b’numru ta’ nħawi f’Malta u Għawdex li isimhom bil-Malti forsi mhux magħruf daqstant, bħal Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes).

Id-Dizzjunarju Speċjalizzat: Ġeografija ġie ppubblikat mal-Klabb Kotba Maltin u jinsab għall-bejgħ mis-sit midseabooks.com u mill-ħwienet tal-kotba ewlenin.

Ritratti ta' Stephen Buhagiar

Photos from Il-Malti fl-UM's post 26/05/2026

SEMINAR BEJNIETNA # 10 fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu

Darbtejn fis-sena, niltaqgħu bħala membri tad-Dipartiment tal-Malti biex nagħmlu seminar bejnietna li fih tnejn minna jippreżentaw ir-riċerka li jkunu qed jagħmlu u jiddiskutuha magħna lkoll.

It-Tnejn 25 ta' Mejju 2026, bi sħab mal-kollegi tagħna tal-Mużew tal-Etnografija ta' Heritage Malta, iltqajna fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu biex il-Prof. George Farrugia jagħtina “Stampa Ġenerali tal-Inklużjoni: Sess, Ġeneru u Ġens Grammatikali” u biex is-Sur Joseph Buttigieg ikellimna fuq “Xi Limitazzjonijiet tal-Korpora.”

Wara, bħala parti mill-proġett Taste History ta' Heritage Malta, kellna Il-Pranzu tad-Damma, menù mnebbaħ mid-Damma ta' Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis, fil-Kċina l-Qadima tal-Palazz tal-Inkwiżitur. Ħajr lis-Sur Liam Gauci tal-ispjega dettaljata.

Dan is-seminar ikkordinah Dr Olvin Vella. Ritratti tal-Prof. Adrian Grima.

26/05/2026

Kors qasir f'Lulju
IL-LINGWA TAS-SAĦĦA, IS-SAĦĦA TAL-LINGWA

Fit-8 ta' Lulju 2026 jibda l-kors DGP0457 Il-Lingwa tas-Saħħa, is-Saħħa tal-Lingwa għall-istudenti kollha tal-UM u għall-PUBBLIKU.

Kull nhar ta' Erbgħa, 5:00pm - 7:00pm. Tmien lezzjonijiet ta' sagħtejn il-waħda. Lettriċi: Theresa Tabone Abdilla.

Biex tinkitbu: Ċemplu 2340 2555 jew iktbu lil [email protected] jew idħlu hawn:

https://www.um.edu.mt/study/degreeplus/registration/form/

26/05/2026

Kors qasir f'Lulju
TISĦIĦ FIL-KITBA TAL-MALTI GĦALL-ISTUDENTI KOLLHA TAL-UM

Fit-8 ta' Lulju 2026 jibda l-kors qasir online DGP0453 Tisħiħ fil-Kitba tal-Malti 1 għall-istudenti kollha tal-UM.

Kull nhar ta' Erbgħa, 3:00pm - 5:00pm. Tmien lezzjonijiet ta' sagħtejn il-waħda. Lettur: Keith Attard.

Biex tinkitbu: Ċemplu 2340 2555 jew iktbu lil [email protected] jew idħlu hawn:

https://www.um.edu.mt/study/degreeplus/registration/form/

25/05/2026
Want your school to be the top-listed School/college in Msida?

Click here to claim your Sponsored Listing.

Location

Telephone

Address


L-Università Ta'
Msida
MSD2080

Opening Hours

Monday 08:00 - 17:15
Tuesday 08:00 - 17:15
Wednesday 08:00 - 17:15
Thursday 08:00 - 17:15
Friday 08:00 - 17:15